Ekonomija li tħares ‘il quddiem li tassigura stabbilità u tkabbir hija l-għan ewlieni tal-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi. F’dan ir-rwol leġiżlattiv, amministrattiv u ta’ koordinament il-Ministeru jirrikonoxxi il-valur immens fil-kreazzjoni, protezzjoni u appoġġ għall-ambjent kompettitiv u attraenti li jiġġenera l-investiment li huwa fundamentali għall-pajjiżna.

Iż-żmien u l-esperjenza urew li d-diversifikazzjoni hija kruċjali għall-ekonomija dinamika u progressiva, u din flimkien ma’ setturi u industriji li ilhom ferm stabbiliti f’pajjiżna hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta’ dan il-Ministeru. Negozji żgħar u medji u negozji tal-familja huma l-ġojjelli fil-kuruna tal-ekonomija vibranti tagħna u s-sinsla li fuqhom huwa mibni l-progress ta’ dan il-pajjiż. Għaldaqstant huwa parti prinċipali mill-politika ta’ dan il-Ministeru li jinkoraġixxi t-tkabbir u u joħloq l-opportunità għan-negozji f’kull stadju ta’ ċiklu tagħhom mit-twaaqif sal-internazjonalizazzjoni.

Fil-qalba tal-filosofija tal-Ministeru hemm il-promozzjoni ta’ sinerġiji għall-innovazzjoni bejn il-Gvern, ir-regolaturi, operaturi u l-istakeholders kollha li jwasslu għall-iżvilupp ta’ prodotti jew servizzi ġodda li jirrispondu ma dak li hemm bżonn fis-swieq internazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin jimbuttaw għat-tnaqqis ta’ burokraziji amministrattivi li jistgħu jkunu ta’ xkiel għall-immodernizzar u l-kreatività

Ekonomija Diġitali għall-Malta hija tarġa importanti ħafna f’pajjiżna u hija waħda mill-implimentazzjonijiet importanti li għandu dan il-Ministeru. Dan il-Ministeru se jkun qed imexxi din il-viżjoni. L-implimentazjoni ta’ Ekonomija Diġitali għandha bżonn l-involviment u l-kollaborazjoni ta’ diversi entitajiet, li numru minnhom huma taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru, dawn jinkludu l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) u tech.mt.

L-MDIA hija wkoll responsabbli, fost oħrajn biex tara li l-israteġija tal-Intelliġenza Artifiċjali tkun implimentata filwaqt li tech.mt, maħluqa bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, għandha l-għan li tappoġġja l-industrija teknoloġika f’Malta filwaqt li tippromwovi l-istrateġija nazzjonali għall-innovazzjoni teknoloġika.

Settur ieħor importanti fi ħdan dan il-Ministeru huwa s-settur tal-komunikazzjoni eletronika, li hija responsabbli minnu l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni, ir-regolatur fis-settur. Din l-Awtorità tirregola wkoll is-settur tal-eCommerce.

Matul l-aħħar snin l-industrija tal-iGaming f’pajjiżna kompliet tifjorixxi. GamingMalta fondazzjoni indipendenti mingħajr profit ġiet imwaqqfa bejn il-Gvern u l-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA) biex tippromwovi lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fis-settur. Hija wkoll responsabbli biex tkun il-pont li jgħaqqad bejn l-awtoriatjiet kompetenti lokali u s-settur privat fosthom ukoll permezz tal-iGaming Council li twaqqaf fl-2022. Dan huwa fundamentali biex tkompli tiġi mtejba pajjiżna bħala ġurisdizzjoni serja u b’saħħitha f’dan is-settur u biex tattira aktar niċċeċ ekonomiċi ġodda fi ħdan l-istess settur. U b’hekk jiġi żgurat li l-ekosistema madwar l-industrija tal-logħob tibqa’ tiġi msaħħa.

Sadanittant il-Fondazzjoni  għal-Logħob Responsabbli tassigura li dawk li jilagħbu jkunu protetti u tipprovdi edukazzjoni u appoġġ speċjalment lil dawk f’etajiet vulnerabbli.

INDIS Malta Ltd hija responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ parks industrijali tal-gvern u l-faċilitajiet anċillari biex dawn jaħdmu madwar Malta u Għawdex, kif ukoll biex tappoġġja u tippromwovi aktar żvilupp fl-infrastruttura u aċċess.

Skip to content