F’Settembru 2013, il-gvern Malti implimenta l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informatur, 2013: att li jipprovdi għal proċeduri li jipproteġu lill-individwi li jirrapportaw prattiċi mhux xierqa u għemil ħażin fuq il-post tax-xogħol, kemm fis-settur privat u anke fl-amministrazzjoni pubblika.
Id-Direttiva – (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 t’Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni – ġiet addottata fit-23 t’Ottubru 2019 u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru 2019. Din wasslet għal emenda tal-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informatur (Kap. 527 tal-Liġijiet ta’ Malta) li daħlet fis-seħħ f’Diċembru tal-2021.
Kull min jixtieq iqajjem allarm fuq att ta’ korruzzjoni jew illegalitajiet jista’ jagħmel dan b’mod sigur permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informatur. Liġi li twassal ukoll għal bidla fil-mentalità. Permezz tal-implimentazzjoni ta’ din il-leġislazzjoni, iċ-ċittadini jingħataw id-dritt li jirrapportaw abbużi, bl-għarfien li huma protetti bil-liġi.
Rappurtar Intern:
Persuni li jirrapportaw jistgħu jirrapportaw għemil ħażin lil uffiċjali interni fejn r-rapport tagħhom jittieħed għal aktar investigazzjoni filwaqt li jżommu l-identità tal-persuna li qed tirrapporta b’kunfidenzjalità stretta. Il-persuni li jirrapportaw se jibqgħu anonimi u allura se jkunu protetti minn ritaljazzjoni fuq il-post tax-xogħol.
Rappurtar Estern
Jekk l-ebda sistema interna mhi disponibbli, jew ir-rapport mhuwiex investigat b’mod effiċjenti, il-persuna li tirrapporta tista’ tirrapporta b’mod estern lil waħda mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-liġi. Dawn jinkludu: il-Kummissarju tat-Taxxi (CfR), il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (CVO), il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni (PCAC) u l-Ombudsman.
Għal impjegati tas-Settur Pubbliku, Uffiċjal estern li jirrapporta dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta ġie appuntat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kabinett.

F’kull Ministeru tal-Gvern ġie appuntat uffiċjal li jirrapporta dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta. Dan l-uffiċjal jircievi r-rapporti dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni interni u jindirizza dawn ir-rapporti b’mod xieraq.
Id-dettalji tal-uffiċjal fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriza u Progetti Strateġiċi huma dawn:
L-uffiċjal li jirrapporta dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta: is-Sur Dolan Debattista
Numru tat-telefon: 22209801
Email: whistleblower.meep@gov.mt

FacebookTwitter